Titlu tal-proġett: Pjattaforma pan-Ewropea ta’ l-Intelliġenza Artifiċjali għall- iskrinjar avvanzat għall-kanċer tas-sider.

Koordinatur: Istitut Ewropew għar-Riċerka dwar l-Immaġini Bijomedika (EIBIR)
Koordinatur Xjentifiku: La Lega Italiana per la Lotta contro i Tumori – Associazione di promozione sociale – LILT Milano Monza Brianza
Numru ta’ Imsieħba: 20
Data tal-Bidu tal-proġett: 1 ta’ Settembru 2025
Data tat-Tmiem tal-proġett: 31 ta’ Awwissu 2029
Ammont Totali tal-Għotja: €4,572,072.55
Finanzjament tal-UE: €3,657,658.05
Programm ta’ Finanzjament: Programm EU4Health 2021–2027
Numru tal-Ftehim ta’ l-Għotja: 101219312
Pajjiżi Parteċipanti:
Awstrija, Italja, Spanja, Belġju, Kroazja, Żvezja, Malta, Greċja, Ungerija

Website tal-Proġett EIBIR
LinkedIn

EU Banner

Ċaħda ta’ Responsabbiltà:
BreastSCan huwa ko-finanzjat taħt il-Programm EU4Health 2021–2027 taħt il-ftehim ta’ għotja nru. 101219312. Iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-fehmiet u l-opinjonijiet espressi huma dawk tal-awtur(i) biss u mhux neċessarjament jirriflettu dawk ta’ l-Unjoni Ewropea jew ta’ l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u d-Diġitali. La l-Unjoni Ewropea u lanqas l-awtorità li tagħti l-għotja ma jistgħu jinżammu responsabbli għalihom.

Pjattaforma pan-Ewropea ta’ l-Intelliġenza Artifiċjali għall-iskrinjar avvanzat tal-kanċer tas-sider.

Il-kanċer tas-sider huwa l-aktar kanċer komuni fost in-nisa fl-Ewropa u d-dijanjożi bikrija hija essenzjali biex tiġi ssalvata l-ħajja. Illum, l-avvanzi fit-teknoloġiji diġitali u l-intelliġenza artifiċjali (IA) qed jiftħu possibbiltajiet ġodda biex l-iskrinjar tal-kanċer tas-sider isir aktar preċiż, effiċjenti u aċċessibbli. Il-proġett BreastSCan jgħaqqad flimkien sptarijiet ewlenin, ċentri ta’ riċerka u msieħba teknoloġiċi madwar l-Ewropa biex jisfruttaw dawn l-opportunitajiet. Il-proġett huwa marbut mill-qrib ma‘ l-Inizjattiva Ewropea tal-Immaġini tal-Kanċer permezz tal-proġett EUCAIM u jikkontribwixxi direttament għal Cancer Image Europe — il-pjattaforma Ewropea għad-data ta’ l-immaġini tal-kanċer.
BreastSCan għandu l-għan li joħloq wieħed mill-akbar settijiet ta’ data tal-immaġini tal-kanċer tas-sider diversi li qatt ġew ikkumpilati fl-Ewropa. Billi jgħaqqad 20 sieħeb (inklużi 14-il fornitur ewlieni tad-data) minn disa’ pajjiżi, il-proġett se jiġbor aktar minn miljun immaġni tas-sider —inklużi mammogramms, ultrasound u ezamijiet ta’ l-MRI — minn aktar minn 250,000 proċedura radjoloġika. Dan se jinkludi wkoll mill-inqas 30,000 immaġni minn 7,500 każ ikkonfermati ta’ kanċer tas-sider u jiżgura li s-sett tad-data jista’ jintuża biex jiżviluppa u jittestja għodod ta’ l-Intelliġenza Artifiċjali għall-iskrinjar tal-kanċer tas-sider fi tmien każijiet ta’ użu: pre-proċessar ta’ l-immaġni, kwalità ta’ l-immaġni, klassifikazzjoni tad-densità tas-sider, skoperta/karatterizzazzjoni tal-leżjonijiet u stratifikazzjoni tar-riskju tal-kanċer tas-sider.
Billi jibni dan is-sett tad-data f’konformità mal-istandards u l-oqfsa legali Ewropej, BreastSCan mhux biss se jagħmel data siewja disponibbli iżda jiżgura wkoll li tkun interoperabbli, sikura u ġestita b’mod etiku.

Fuq medda qasira taż-żmien, BreastSCan se jistabbilixxi dawn il-pedamenti:

  • Jistabbilixxi linji gwida komuni għall-immaġini tal-kanċer tas-sider biex itejjeb il-kwalità u l-konsistenza tad-data madwar l-Ewropa.
  • Jintegra settijiet tad-data eżistenti fil-pjattaforma Cancer Image Europe, sabiex ir-riċerkaturi u l-kliniċisti jkunu jistgħu jibdew jużawhom minnufih.
  • Jipprovdi taħriġ għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa dwar kif jaħdmu b’għodod tal- Intelliġenza Artifiċjali u teknoloġiji avvanzati tal-immaġini.
  • Bini ta’ infrastruttura teknika robusta u standardizzata biex tippermetti l-kondiviżjoni tad-data sikura u bla xkiel bejn il-fruntieri.

Fuq medda medja taż-żmien, dawn il-pedamenti se jippermettu avvanzi konkreti:

  • L-isptarijiet se jużaw dejjem aktar l- Intelliġenza Artifiċjali biex jappoġġjaw id-dijanjożi tal-kanċer tas-sider u b’hekk jagħmlu l-iskoperta aktar mgħaġġla, aktar preċiża u aktar personalizzata.
  • Is-sett tad-data se jespandi biex jinkludi aktar pajjiżi Ewropej billi jinkludi firxa wiesgħa ta’ popolazzjonijiet u kuntesti tal-kura tas-saħħa.
  • Policies ċari u oqfsa legali se jiżguraw li d-data tal-pazjenti tiġi ttrattata bl-ogħla standards ta’ privatezza, sigurtà u trasparenza u b’hekk tinbena l-fiduċja fost il-pazjenti u l-fornituri tal-kura tas-saħħa bl-istess mod.

Fit-tul, BreastSCan se jħalli wirt li jibqa’ għal dejjem:

  • Sett ta’ data uniku u pan-Ewropew se jkun disponibbli għall-iżviluppaturi u r-riċerkaturi u b’hekk isaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa fir-riċerka dwar il-kanċer immexxija mill- Intelliġenza Artifiċjali meta mqabbla mal-Istati Uniti u ċ-Ċina.
  • Għodod ġodda ta l-Intelliġenza Artifiċjali se jgħinu biex il-kanċer jinstab aktar kmieni u dan iwassal għal riżultati ta’ trattament aħjar, rati ta’ sopravivenza ogħla u kwalità tal-ħajja mtejba għall-pazjenti.
  • Il-pjattaforma se tibqa’ miftuħa għal aġġornamenti kontinwi, integrazzjoni ta’ tipi ġodda ta’ kanċer u adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ l-Intelliġenza Artifiċjali tal-ġenerazzjoni li jmiss u b’hekk tiżgura innovazzjoni sostenibbli fil-kura tal-kanċer.
    Billi tgħaqqad teknoloġija avvanzata mal-kollaborazzjoni Ewropea, BreastSCan qed twitti t-triq għal skoperta aktar bikrija, kura aħjar, u fl-aħħar mill-aħħar, inqas ħajjiet mitlufa minħabba l-kanċer tas-sider.

Riżultati mistennija:

  • Data ta’ Kwalità Aħjar: Introduzzjoni ta’ standards Ewropej komuni għall-immaġini tal-kanċer tas-sider, li tiżgura li l-eżamijiet ikunu aktar konsistenti u komparabbli bejn il-pajjiżi.
  • Pjattaforma Kondiviża: Integrazzjoni ta’ data ta’ l-immaġini eżistenti u ġodda fil-pjattaforma Cancer Image Europe, li toħloq riżorsa qawwija għar-riċerkaturi u t-tobba mill-ewwel jum.
  • Taħriġ tat-Timijiet tal-Kura tas-Saħħa: Żvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ biex it-tobba u r- radjoloġisti jkollhom il-ħiliet biex jużaw b’mod effettiv għodod diġitali ġodda u l- Intelliġenza Artifiċjali fix-xogħol kliniku.
  • Infrastruttura Solida: Ħolqien ta’ qafas tekniku komuni u standardizzat biex jiffaċilita l-qsim faċli, sikur u protett tad-data bejn l-isptarijiet parteċipanti.
  • Dijanjostika Aktar Intelliġenti: Żieda fl-adozzjoni ta’ għodod ta’ l-Intelliġenza Artifiċjali fl-isptarijiet biex jappoġġjaw dijanjożi aktar mgħaġġla, aktar preċiża u aktar personalizzata tal-kanċer tas-sider.
  • Firxa Pan-Ewropea: Espansjoni tas-sett tad-data biex jinkludi immagini minn aktar pajjiżi, li jirriflettu d-diversità tal-popolazzjoni fl-Ewropa u jsaħħu l-applikabbiltà tar-riżultati tar-riċerka.
  • Regoli Ċari u Fiduċja: Implimentazzjoni ta’ proċessi standardizzati u salvagwardji legali b’saħħithom biex jiġi żgurat li d-data tas-saħħa tal-pazjent tintuża b’mod sikur u etiku.

Persuna ta’ Kuntatt għal Malta
Dr. Melvin D’Anastasi
Radjologu Konsulent u Aġent Kap tad-Dipartiment tal-Medical Imaging
[email protected]

Punt Fokali għall-Politika Nazzjonali tal-Kanċer:
Dr. Miriam Dalmas
Konsulent tas-Saħħa Pubblika tal-Mediċina
Direttorat tat-Tabib Ewlieni tal-Gvern
[email protected]

The Department
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.